Umaniżmu Mediterranju

_DSC1146
Ritratt ta’ Virginia Monteforte

Din is-sena Inizjamed, inizjattiva Mediterranja, għalqet għoxrin sena. Ma qallibniex id-dinja ta’ taħt fuq. Ma waqqafniex il-gwerer. Ma salvajniex il-bnedmin tad-demm u l-laħam mill-għarqa quddiem ix-xtut ta’ kontinent ingrat. Ippruvajna nagħmlu dak li tagħmel il-letteratura: nitkellmu bil-kliem fix-xifer tal-possibilitajiet tiegħu, nirrakkontaw id-dinjiet tagħna lil xulxin u lill-kittieba tar-reġjun tagħna u dawk li ġew minn lilhinn. Ippruvajna nġarrbu l-istejjer li ġew jirrakkontawlna, niċċaqalqu mar-ritmi li semmgħulna.

Minn tlettax-il sena ’l hawn, bil-ħidma volontarja ta’ ħafna nies, Inizjamed rabtet isimha mal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Dan huwa festival tal-Mediterran, spazju ħieles li fih jiltaqgħu ġnus u espressjonijiet differenti. Għalina l-Mediterran huwa, qabelxejn, għażla ta’ inkontru, ta’ qrubija, ta’ tensjoni kreattiva. Mediterran mingħajr konfini, mingħajr ħadid imxewwek, mingħajr għeluq, mingħajr distinzjonijiet li jċajpru jew saħansitra jxejnu l-umanit. tagħna. Bħall-umanisti Mediterranji tas-seklu 19 u 20, bil-kontradizzjonijiet kollha li kellhom huma u li għandna aħna wkoll, dan huwa l-Mediterran li nemmnu li nistgħu noħolqu flimkien permezz ta’ festival bħal dan u tant inizjattivi simili. Qed nitkellmu fuq Mediterran li jinsab hawn daqskemm jinsab f’kull xewqa tal-bnedmin li jgħixu f’armonija ma’ bnedmin oħra u mal-ħolqien.

Ma naħsibx li għandna wisq alternattiva: jew nibqgħu ndardru l-għajn li nixorbu minnha u nissugraw li lanqas jibqgħalna għajn, jew nimpenjaw ruħna, bl-għażliet iż-żgħar u l-kbar tagħna, biex indawru mqar ftit ir-rotta. L-umaniżmu Mediterranju tas-seklu 21 huwa dak tal-bnedmin li joħorġu fuq il-baħar biex isalvaw lin-nies miċ-ċimiterju tal-indifferenza tagħna; tal-bnedmin li jiġġieldu kontra r-rgħiba għal kull roqgħa art u sema; tal-awturi li jippruvaw jirrakkontaw b’mod onest u dejjem ġdid l-umanità mnejka tagħna.

Adrian Grima | Lulju-Awwissu 2018


 

Advertisements