L-Idea tal-Mediterran

cropped-x-festival-letteratura-2015-copy-2.jpg
Logo tal-X edizzjoni tal-festival (2015) iddisinjat mill-artist Pierre Portelli

 

L-idea tal-Mediterran bħala spazju komuni, bħala pjazza li fiha jiltaqgħu l-ġnus tax-xtut ta’ dan il-baħar u jiddakkru minn xulxin, għandha storja mqallba. Il-viżjoni tal-Mediterran bħala reġjun wieħed, u mhux biss bħala baħar maqbud bejn l-artijiet, għandha l-għeruq tagħha fl-ambizzjonijiet tal-Ewropej li jaħkmuh taħt idejhom, u l-aktar fl-imperjaliżmu Franċiż tas-seklu dsatax u dak Taljan tal-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Għandha l-għeruq ukoll fil-kultura tal-letterati tan-Naħa ta’ Fuq tal-Ewropa li rromantiċizzaw u eżotiċizzaw il-Mediterran għax riedu jattribwixxu lilu kwalitajiet u realtajiet li huma kienu jħossuhom mixtiqin minnhom, mill-wirt għani tal-Griegi sal-ħajja fl-apert u l-klima sħuna li tilqgħek u tħeġġek biex tintelaq fir-ritmu kajman tagħha.

F’din il-ħarsa, aktarx superfiċjali, tan-Nordiċi lejn il-Mediterran, inħoloq dak li l-antropologu Michael Herzfeld isejjaħlu l-“Mediterraniżmu,” id-drawwa konvenjenti li nimmaġinaw dan il-baħar u x-xtut ta’ madwaru bħala reġjun b’karatteristiċi li jidentifikawh minn bnadi oħrajn tad-dinja, bi storja, wirt kulturali, klima, u mġiba komuni: passjoni Mediterranja, telqa Mediterranja, dawl Mediterranju, dieta Mediterranja, u l-bqija.

Dan il-Festival huwa “Mediterranju” mhux għax qed jiddakkar min-narrattivi, fihom infushom interessanti, tar-reklami u l-kotba tar-riċetti, jew għax jemmen li teżisti speċi endemika ta’ letteratura Mediterranja, imma għax iħares lejn dan ir-reġjun bħala  spazju li fih għandhom jiltaqgħu n-nies, huma minn fejn huma, u jisimgħu l-ilħna differenti ta’ xulxin.

Huwa “Mediterranju” wkoll għax jemmen li l-Maltin iridu jsiru jafu aħjar il-ġnus ġirien tagħhom u l-kulturi għonja li, bħal dik Maltija, għandhom storja twila u preżent dinamiku.

Adrian Grima | Awwissu 2015